Kappella San Ġuzepp
Untitled Document
  Attivitajiet
   
 
  Facebook

Kappella San Ġuzepp
Kappella San Ġuzepp

Sa’ mill-bidu tat-twaqqif tal-knisja u l-kunvent ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tal-Patrijiet Franġiskani Minuri fl-1500, insibu li fiha ġiet imwaqqfa kappella ddedikata lil San Ġużepp.  Din il-kappella kienet ġiet imwaqqfa fejn illum tinsab l-istess kappella ta’ San Ġużepp fil-knisja mmsemija.  Fejn sa’ mit-twaqqif tagħha nsibu li kienet tiġi wżata mill-Fratelli tal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp (imwaqqfa sa’ minn qabel is-seklu 16) għas-seervizzi reliġjużi, bħal ma’ huma quddies u ċelebrażżjonijiet liturġiċi oħra, inkluż fil-jiem tal-Festa ta’ San Ġużepp.

Għall-ewwel din il-kappella kienet mibnija bħal bqija tal-knisja fuq stil Gotiku, bi kwadru titulari li jirraprezenta l-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu, xogħol ta’ pittur Fjamming Matteo Purbus datat 1595.  Fejn fil-parti t’isfel ta’ dan il-kwadru naraw impittra l-Fratelli tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp qegħdin jakkumpanjaw funeral mill-Imdina għall-knisja fir-Rabat.  Fil-fatt din hija waħda mill-funzjonjiet ewwlenin li kienet twettaq din il-Fratellanza li takkumpanja lil mejtin foqra jew sinjuri membri tagħha mis-sodda tal-mewt sal-qabar, fejn lil dawk foqra kienet ukoll tagħtihom difna xierqa.  Dan il-kwadru ta’ preġju u ta’ valur storiku attwalment jinsab int u dieħel fis-Santwarju ta’ San Ġuzepp fuq in-naħa tal-lemin.

Fil-konsulta tal-Fratelli tal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp li saret nhar il-21 ta’ Lulju 1669, kien ġie deċiż li jibnu mill-ġdid din il-kappella.  B’artal u prospettiva ġdida dik li naraw il-lum magħmula fuq id-disinn ta’ l-arkitett magħruf Malti Lorenzo Gafa’.  Ix-xogħol tal-ġebel u ta’ l-iskultura ġie fdat f’idejn l-imgħallem Mastru Angelo Debono minn Ħaż-Żebbuġ.  Ix-xogħol ta’ din il-kappella tlesta f’Novembru tas-sena ta’ wara 1670.

Din il-kapella mdaqqsa hija mdawra b’kopletta u bi prospettiva ċentrali ta’ stil Barokk, imzejna b’erba’ kolonni mnaqqxa bi skultura Barokka ndurata u bil-bażi ta’ l-irħam.  Il-prospettiva ta’ din il-kappella lejn l-aħħar tas-seklu 17 ġiet imżejna bi kwadru titulari li jirraprezenta lil San Ġużepp Ħaddiem, xogħol li sar fl-1695 mill-magħruf pittur Kalabriż Mattia Preti u l-assistenti tiegħu.  Dan il-kwadru ġie mneħħi fl-1874 (illum jinsab f’waħda mis-swali tal-Każin tal-Banda L’Isle Adam), meta minfloku f’dik l-istess sena sari l-kwadru li naraw illum opra verament mill-isbaħ ta’ l-artist Ruman Pietro Gagliardi, li jirraprezenta lil San Ġużepp Kap tal-Familja Mqaddsa u Patrun tal-Knisja Universali.  Fil-fatt dan il-kwadru kien sar b’tifkira tal-proklamazzjoni tal-Beatu Papa Piju IX, meta ħatar lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali erba’ snin qabel fl-1870.  Dan il-kwadru kien sar f’Ruma taħt il-kura tal-Kanonku Kapitulari Monsinjur Paolo Pullicino, Protettur u Benefattur ta’ l-imsemmija Arċikonfraternita, kif ukoll tal-Prokuratur Legali s-Sur Antonio Grech Delicata, Benefattur ta’ l-istess Arċikonfraternita, li bejn l-1864 u l-1866 insibuħ ukoll li kien Rettur tagħha.  Kienu ġabru għal dan il-kwadru l-Fratelli ta’ l-istess Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.  Fuq dan il-kwadru naraw lunetta li tagħmel parti mill-istess prospettiva fejn qiegħed dan il-kwadru, li turi l-Mewt ta’ San Ġużepp, xogħol tas-seklu 18 ta’ artist mhux magħruf.

Din il-kappella naraw ukoll li għandha żewġ lunetti taħt il-koppla waħda fuq kull naħa tal-ġemb tagħha, li fihom hemm impittra fuq il-ħajt żewġ mumenti waqt il-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu.  Dawn saru fl-1890 mill-pittur Grieg il-Kavallier E. Armenpolo.  Ta’ dan l-istess pittur naraw ukoll l-erba’ kwadri ovali li jinsabu taħt il-koppla, li dawn jirraprezentaw lill-profeti: Isaija, Ġeremija, Eżakjel u Danjel.
F’din il-kappella nsibu wkoll il-kwadru tat-twelied ta’ Ġesù Bambin qiegħed jiġi adurat minn Marija u Ġużeppi.  Dan il-kwadru oriġinalment kien il-kwadru titulari ta’ l-Oratorju ta’ l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.  Dan sar fl-1678 u huwa attribwit lill-pittur Malti Stefano Erardi.  F’dan il-kwadru wieħed jara’ ukoll l-arma tal-Familja nobbli Tesaferrata li rregalat dan il-kwadru lill-Oratorju mmsemmi.

Fuq kull naħa tal-bieb tas-Santwarju ta’ San Ġużepp li nsibu f’din il-kappella, naraw żewġ niċeċ.  Dik tan-naħa tal-lemin naraw li hemm fiha diversi relikwi tal-Qaddisin, dekorata artistikament b’disinji magħmulha b’sengħa kbiraminn xogħol tal-kartun indurat qisu filigranu, imżejna b’diversi fossos.  Filwaqt li fuq in-naħa tax-xellug naraw in-niċċa bix-xbieha devota medzzobust tal-Ecce Homo.  Din in-niċċa kienet saret f’din il-kappella fl-1788.

Oġġett ta’ prġju wkoll f’din il-kappella huwa l-artal magħmul minn irħam fin.  Dan ġie konsargrat fl-4 ta’ Lulju 1899 minnn Mons. Salvatore Gaffiero, Isqof titulari ta’ Selimbria, kif naraw imnaqqax fl-iskanell tal-mensola ta’ l-istess artal.  Oriġinalment dan l-artal kien tqiegħed fil-post li narawħ illum fit-18 ta’ Frar 1846.  Kien sar mill-Markiż Giuseppe Depiro Testaferrata, li kien Kavallier ta’ l-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ, kif ukoll Fratell fi ħdan l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.  Fil-fatt kien hu stess li ried jagħmel għas-spejjez personali tiegħu dan l-artal u jagħtiħ lill-imsemmija Arċikonfraternita, bil-patt li mal-ġemb tiegħu fuq iż-żewġ naħat jagħmel l-armi ġentiliżji tal-familja tiegħu kif fil.-fatt għadna naraw sal-lum.

Dan l-artal ġie restawrat f’Novembru ta’ l-1998, u x-xogol sar mill-marmista s-Sur Ronnie Pisani, filwaqt li l-ispejjez ġew imħallsin mill-Kavallier Joseph M. Vassallo, Fratell u Benefattur kbir tal-imsemmija Arċikonfraternita.  Iz-zokklu u l-paviment ta’ din il-kappella huma miksija bl-irħam.  Iz-zokklu kien sar bl-irħam fl-1912 mir-Rettur ta’ dak iż-żmien is-Sur Giuseppe Pullicino, li kien ħareġ minn butu l-ispejjez tiegħu.  Filwaqt li l-paviment sar fl-1868 u kien ħallas għalieħ Agostino Agius, li kien Fratell fi ħdan l-imsemmija Arċikonfraternita, kif hemm imnaqqax fl-iskrizzjoni madwar l-arma ta’ San Ġużeppintrazjata fl-irħam li tinsab fl-istess pavement f’nofs il-kappella.

 
     
  ara ritratti
  ara ritratti
 
 
Untitled Document

RF Designs - http://designs.robertoformosa.com