Statwa ta San Ġuzepp Inkurunat
Untitled Document
  Attivitajiet
   
 
  Facebook

Statwa ta San Ġuzepp Inkurunat
Statwa ta San Ġuzepp Inkurunat

Attwalment fuq l-artal ewwlini ta’ dan l-Oratorju llum Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp, tinsab meqjuma b’għożża kbira l-istatwa antika, devota u mirakuluza ta’ San Ġużepp.    Oriġinalment din kienet statwa dekorattiva fuq wieħed mill-ġifen tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.  Hija statwa tal-injam tas-seklu 16 u ġiet miġjuba f’Malta mill-istess Kavallieri mill-gzira ta’ Rodi fl-1530.  Il-Maltin mill-ewwel bdew jirrikorru lejha għall kull bżonn, mhux personali u familjari, iżda f’kull bżonn nazzjonali li kellha Malta.  Insibu li l-Knisja, flimkien ma’ l-Awtoritajiet Ċivili, irrikorrew lejn din ix-xbieha ta’ San Ġużepp, magħrufa bħala “San Ġużepp ix-Xiħ” f’kull bżonn meta kien hemm bżonn ta’ xi grazzja biex Malta teħles minn xi fraġell.

Fl-imgħoddi, il-biċċa l-kbira tal-poplu Malti kien jiddependi l-għejxin tiegħu mir-raba’, u nuqqas ta’ xita għal Malta kien meqjus bħala diżastru, u għalhekk f’okkażjonijiet bħal dawn jew xi bżonn ieħor, kienet użanza li n-nies tingħaqad flimkien fi spirtu ta’ penitenza u talb taħt il-patroċinju ta’ San Ġużepp.  Għalhekk naraw minn żmien għall-ieħor din l-istatwa kienet tinħareġ f’pellegrinaġġi nazzjonali.

L-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet imqgħedha fin-niċċa fejn narawha llum fuq l-artal fl-1920,  minħabba d-devozzjoni kbira li l-poplu Malti għandu lejha biex b’hekk tkun tista’ tiġi meqjuma aktar faċilment.  Dan sar fuq l-inzjattiva tar-Rev. Dun Santino De Piro, meta kien jokkupa l-kariga ta’ Rettur tal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.  Dan is-saċerdot kien jiġi ħu l-Qaddej t’Alla Mons. Gużeppi De Piro u jinsab midfun proprju fil-kannirja taħt l-istess Santwarju.

Mons. Ġużeppi de Piro, devot ta’ San Ġużepp, kien ukoll membru fi ħdan l-imsemmija Arċikonfraternita.  Kien hu li fil-bidu tas-seklu 20 beda jixerred l-ideja li din l-istatwa antika, devota u mirakuluża għadha tiġi nkuruata.  Fatt li seħħ snin wara fl-1 ta’ Mejju 1963.

Qabel ma tpoġġiet fin-niċċa li naraw illum, din l-istatwa kienet tiġi konservata f’niċċa fis-sagristija ta’ l-istess Oratorju, proprju daħla fil-ħajt li trinsab quddiem il-bieb tas-sagristija.  Din in-niċċa llum għadha teżisti u hija magħluqa permezz ta’ bieb tal-injam bil-ħġieġ.

Din id-devozzjoni kbira li kien hawn fost il-poplu Malti lejn din ix-xbieha wasslet biex din l-istatwa tiġi nkurunata solennament b’żewġ kuruni tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż nhar l-1 ta’ Mejju 1963, mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Mikiel Gonzi fuq il-Fosos tal-Furjana, b’digriet speċjali maħruġ personalment minn idejn l-Q.T. il-Papa Piju XII fl-1956.  Din hija waħda mill-ftit xbihat ta’ San Ġużepp li hawn Inkurunati madwar id-dinja.

Konessa ma’ din l-istatwa tezisti devozzjoni speċjali lejn il-bastun oriġinali li narawħ f’id ix-xellugija ta’ San Ġużepp. Fejn dan għadu sal-ġurata tal-lum jiġi meħud fid-djar tal-morda u fl-isptarjiet  biex isir talb għall-grazzji u għal fejqan bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp.

 

L-istatwa proċessjonali ta’ San Ġużepp

Din l-istatwa ġiet irregalata lill-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp fl-1890, mir-Rev. Mons. Kan. Dr. Paolo Pullicino, li kien Protettur u Benefattur ta’ l-imsemmija Arċikonfraternita.  Ġiet maħduma fil-kartapesta fuq stil neo-klassiku fil-fabbrika “Galard et Fils” f’Marsilja, fi Franza, fuq id-disinn tal-magħruf artista Ruman Luigi Fontana.

Fl-1930 , il-libsa ta’ din l-istatwa ġiet sgraffita minn żewġ imgħallmin li kienu membri ta’ l-istess Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.  Dawn kienu l-iskultur Ġużeppi Farrugia u d-dekoratur Mikiel Fsadni.

Il-pedestall ta’ l-istatwa ġie maħdum fl-injsam fl-istess sena li ġiet irregalata l-istatwa fl-1890.  Fl-1985 ġie miksi bil-fidda, ix-xogħol tiegħu sar mill-arġentier u gisillatur Tarcisio Cassar miz-Zejtun.  Dan kien sar bil-kontribuzzjonjiet tal-Fratelli u l-Konsorelli ta’ l-imsemmija Arċikonfraternita.

L-erba’ angli artistiċi li jdawru dan il-pedestall huma xogħol maħduma fl-injam fil-fabbrika “Rosa, Zanazio e Co.” f’Ruma, fl-1902.

 
     
  ara ritratti
  ara ritratti
 
 
Untitled Document

RF Designs - http://designs.robertoformosa.com