Storja
Untitled Document
  Attivitajiet
   
 
  Facebook

Storja
Storja

Arċikonfraternita' ta' San Ġużepp Rabat-Imdina

F’pajjiżna nsibu bosta fratellanzi taħt il-Patroċinju tas-Sagrament, il-Madonna jew xi qaddis f’bosta parroċċi u knejjes madwar Malta. L-eqdem waħda fost dawn il-Fratellanzi hija l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina. Din il-Fratellanza ilha teżisti fir-Rabat tal-Imdina sa mis-seklu 14, l-iskop tagħha kien wieħed ta’ solidarjeta’ bejn il-membri tal-istess Fratellanza li f’din ta’ San Ġużepp, fil-bidu kienu mastrudaxxi. Huma kienu jgħinu lil xulxin fil-mard u anki f’għajnuniet materjali, kienu jqassmu l-ħobż lil foqra, jaħsbu fir-romol u wliedhom wara xi mewt u dawk il-foqra li jmutu kienu jieħdulhom ħsieb għad-difna xierqa u għal suffraġju għal ruħhom. Dawn il-fratellanzi kienu jaħdmu bħal ma jaħdmu t-‘Trade Unions’ ta’ żmiena, sintendi dan fil-kuntest ta’ żmienhom.

It-twaqqif ta’ din il-Fratellanza huwa mitluf għalkemm insibu li tissemma d-data tat-twaqqif ta’ din il-Fratellanza ta’ l-1245 u l-1345. Iżda li ċertament nafu fi żgur li din kienet diġa’ mwaqqfa u attiva’ qabel is-seklu 16. Fil-fatt fir-Rabat tal-Imdina fis-seklu 14 kien hawn diġa’ dawk il-kundizzjonijiet favorevoli biex din il-Fratellanza teżerċita dawn id-doveri fl-ambjent ta’ dak iż-żmien. Fl-1433 diġa’ kien jeżisti l-Isptar ta’ Santu Spirtu, u sa mis-sena 1366 kien diġa popolari u użat ferm iċ-ċimiterju ta’ San Pawl. Fis-seklu 15 f’Malta kien hawn numru ta’ mastrudaxxi nsara li kienu għamlu xogħol li sar fil-Katidral tal-Imdina bejn l-1460-70. Żgur li apparti li tieħu ħsieb id-drittijiet tal-imseħbin tagħha kienet ukoll ix-xerred fost il-poplu Malti d-devozzjoni lejn il-patrun tagħha, San Ġużepp. Dan jikkonfermha b’mod ċar id-dikjarazzjoni maħruġa unanimament bejn il-Kapitlu tal-Katidral u l-Ġurati tal-Imdina fis-16 ta’ Ġunju 1508. Fejn jgħid hekk:"L-Imħabba ħerqana u l-qima mħeġġa li kemm il-kleru kif ukoll il-poplu ta' Malta dejjem kellu, u għandu llum ukoll, lejn il-Patrijarka San Ġużepp, ġiegħel lill-Kapitlu u lill-Kunsill Ġenerali jiltaqgħu flimkien biex kif jitolbu l-meriti u l-privileġġi kbar tiegħu, jiddeċiedu li l-festa tal-Qaddis Patrijarka tiġi ta' kull sena ċċelebrata b'solennita. Dehrilhom li b’dan il-qbil tagħhom il-festa msemmija tiġi ċċelebrata b'solennita’ għal dejjem u għaż-żminijiet kollha, kien imnebbaħ mis-sema.
Dan jikkonferma biċ-ċar li d-devozzjoni Ġużeppina fil-gżejjer tagħna hija waħda qadima u mifruxa sewwa fost il-poplu. Biex dawn l-għola awtoritajiet Ċivili u Ekleżjastiċi nġabru fil-Knisja ewlenija ta’ Malta u ħarġu din id-dikjarazzjoni żgur li kif kitbu huma stess kienet id-devozzjoni kbira tal-poplu lejn San Ġużepp li ġelithom jagħmlu dan.

L-ewwel festa li ġiet wara din id-dikjarazzjoni kienet dik tad-19 ta’ Marzu 1509. Fejn minn dik is-sena sal-lum nhar id-19 ta’ Marzu filgħodu, l-Kapitlu tal-Katidral flimkien mal-Fratelli ta’ l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp u l-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Minuri jmorru proċessjonalment mill-Katidral ta’ l-Imdina għal Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ fejn l-istess Fratellanza għandha s-sede tagħha, u fl-istess Knisja l-Kapitlu jiċċelebra Quddiesa Pontifikali. Qabel kien jieħdu sehem ukoll il-Ġurati ta’ l-Universita’ ta’ l-Imdina, fejn il-Kaptan tal-Virga kien joffri xemgħa dekorata bl-istemma tal-Belt ta’ l-Imdina lil San Ġużepp, bħala Protettur ta’ l-istess belt ta’ l-Imdina u tar-Rabat. Dan kollu għadu jsir sal-ġurnata tal-lum, 500 sena wara, fejn il-Kapitlu Metropolitan jiġi jiċċelebra l-Pontifikal nhar is-Solennita’ ta’ San Ġużepp fid-19 ta’ Marzu, bid-differenza li flok il-ġurati llum jiġu s-Sindki tal-Imdina, r-Rabat u l-Imtarfa li bħal ma kien jagħmel il-Kaptan tal-Virga huma wkoll joffru xemgħa simbolika lil San Ġużepp.

Fis-26 ta’ Ottubru 1530 waslu Malta l-Kavallieri ta’ San Ġwann imexxija mill-Gran Mastru L’Isle Adam. Dan ħa l-pussess tal-Belt tal-Imdina fit-13 ta’ Novembru 1530, lejn tmiem ħajtu kien imur għal kaċċa l-Buskett u wara kien jgħaddi xi jiem tal-mistrieħ fil-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri fejn kien żamm żewġt ikmamar riservati għalih. Kien hu li rranġa l-Kunvent u l-Knisja. F’dan il-Kunvent L’Isle Adam kellhu jagħlaq għajnejh għad-dinja fil-21 t’ Awissu 1534, qalbu u l-interjuri tiegħu ġew midfuna fil-ħajt tal-arkata bejn il-Kappella ta’ San Ġużepp u Sant’Antnin skond ix-xewqa tiegħu, kif għada tfakkar sal-lum il-Lapida Kommemorativa.

Fil-1575 Mons. Dusina wasal Malta u għamel Visita Appostolika fil-Knejjes Maltin. Fir-Rabat sab nuqqas ta’ qima lejn l-Ewkaristija, għalhekk għaqad iż-żewġ Fratellanzi li diġa kienu jeżistu fir-Rabat, ta’ San Ġużepp u ta’ San Mark fi Fratellanza waħda tas-Sagrament fil-Knisja ta’ San Pawl. Dan kien it-twelid tal-Arċikonfraternita tas-Ssmu. Sagrament li sal-lum għada teżisti fil-paroċċa ta’ San Pawl.

Skont dokument antik insibu li fl-1591 diġa kienet issir purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ferm qabel din id-data msemmija, fir-Rabat tal-Imdina organiżżata mill-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.

Fis-sena 1595 sar l-Kwadru tal-“Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu. Dan il-kwadru għal xi żmien kien iservi tat-Titular tal-Kappella ta’ San Ġużepp fl-istess Knisja. L-awtur tiegħu huwa wieħed anonimu, iżda xorta għandu mportanza kbira għaliex fin-naħa t’isfel insibu mpittra purċissjoni funebri mmexxija mill-Fratelli tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp libsin konfratija bajda sejrin mill-Imdina għar-Rabat b’katalett li fuqhu hemm mejjet fejn qiegħed jinġarr lejn kappella għad-difna.

Fil-5 ta’ Ġunju 1611 il-Q.T. il-Papa Pawlu V kien ħareġ Indulġenza Plenarja lil kull min fid-19 ta’ Marzu ta’ kull sena jqerr u jitqarben u jżur il-Kappella dedikata lil San Ġużepp fil-Knisja ta’ Ġieżu, mil-lejliet il-Festa - mill-Primi Vespri sa l-għada 19 ta’ Marzu, Jum San Ġużepp.

Fil-Festa ta’ San Ġużepp 1630 diġa kienet tieħu sehem il-mużika u kienet issir fjakkolata fuq barra.

Fis-17 ta’ Frar 1648 il-Fratellanza ġabet il-permezz minn għand l-Isqof ta’ Malta Ġwanni Balaguer, biex il-fratelli tagħha jilbsu l-muzetta kaħla fil-purċissjonijiet. Kien dan l-istess Isqof li waqt Vista Pastorali fl-1662 kien approva kanonikament l-istatuti tal-Fratellanza hekk kif mitlub mill-istess Fratelli. Kien hawn li l-Fratellanza nħallet mill-Fratellanza tas-Sagrament u reġgħet irritornat fis-sede antika tagħha fil-Knisja ta’ Ġieżu.

Fil-21 ta’ Mejju 1673 saret l-Aggregazzjoni tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina mal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp "dei Falegnami" ta’ Ruma.

Biex ikabbru dejjem iżjed il-Qima lejn l-Imqaddes Sagrament il-Fratelli ta’ San Ġużepp fl-1678 talbu l-Isqof Molina biex meta x-xahar ikollu ħames ħdud, fil-Ħames Ħadd tkun tista’ tagħmel purċissjoni bis-Sagrament madwar il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’. Dawn il-purċissjonijiet kienu jsiru f’kull nhar ta’ Ħadd mill-Fratellanzi l-oħra li kien hawn fir-Rabat u l-Imdina. Il-permess ħareġ fit-12 ta’ Novembru 1678.

Fil-15 ta’ Marzu 1685 sar il-ftuħ u t-tberik uffiċjali tal-Oratorju wara li l-Patrijiet Franġiskani Minuri kienu konċedew parti mill-ġnien tal-Kunvent lill-Fratellanza biex jinbena l-Oratorju.

Fl-1693 sar il-kwadru ta’ San Ġużepp Ħaddiem miċ-ċelebri pittur Kalabriz Mattia Preti u l-assistenti tiegħu. Dan sar biex isservi ta’ Titular għal Kappella ta’ San Ġużepp fil-knisja ta’ Ġieżu. Preżentament dan il-kwadru jinsab f’waħda mis-swali ta’ Palazzo Xara sede ta’ l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam.

Fl-1700 ġiet akkwistata l-istatwa proċessjonali ta’ San Ġużepp minn għand il-Fratellanza ta’ San Ġużepp tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Din l-istatwa llum tinsab fis-Sagristija tal-Knisja Ta’ Ġieżu. Qabel din l-istatwa fil-purċissjoni tad-19 ta’ Marzu kienet tintuża statwa oħra ta’ San Ġużepp, din kienet ‘manikin’ u kienet magħmulha minn ras u idejn u kienet tiġi mlibbsa apposta għal festa biss. L-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp kienet minn ta’ l-ewwel li bdiet tiċċelebra l-festa tal-Patrun tagħha bl-istatwa tiegħu.

Fid-19 ta’ Marzu 1715 intużat għal ewwel darba r-Relikwa tal-Bastun ta’ San Ġużepp li ġiet akkwistata minn Mons. Mattew Azzopardi, Kanonku tal-Katidral u membru fl-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp. Lejliet il-festa kienet esposta fuq l-Artal Maġġur tal-Katidral u l-għada twasslet proċessjonalment sal-Knisja ta’ Ġieżu mid-Dekan tal-Kapitlu assistit mill-Kanonċi l-oħra taħt il-Baldakkin, inċensata daqs li kieku kien is-Sagrament.

Għall-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp l-bidu tat-tieni nofs tas-seklu 18 kien wieħed imsaħħab. Lejn is-snin sittin, inħoloq ukoll xi tilwim mal-Patrijiet Minuri Osservanti, dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-restawr tal-faċċata tal-kappella ta’ San Ġużepp li din il-Fratellanza għandha fil-knisja msemija ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’. Dan it-tilwim wassal biex il-Fratellanza telqet mill-Oratorju tagħha u marret fil-Knisja żgħira ta’ Santa Marija tad-Doni, li tinsab fl-istess triq fejn tinsab il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’. Bejn l-1761 u l-1763, il-purċissjonijiet organiżżati mill-imsemmija Arċikonfraternita’ ħarġu mill-Knisja ta’ San Pawl inkluża l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Fil-11 ta’ Frar 1771, l-Isqof Ġ. Pallerano ħareġ l-permess biex tkun tista’ tiġi organiżżata purċissjoni bl-istatwa tal-Irxoxt it-Tlieta ta’ fuq l-Għid.

F’Ġunju 1798 wasal Malta Napuljun li fi ftit jiem prova jaqleb ta’ taħt fuq l-istil tal-ħajja tal-Maltin speċjalment fejn tidħol ir-Religjon, dan il-Maltin dejjaqhom ħafna u tlett xhur biss wara rvellaw kontra l-Franċiżi u qafluhom wara s-swar tal-ibliet. L-Irvellijiet bdew propju fir-Rabat tal-Imdina meta xi suldati u nies tal-Ġvern Franċiz ġew propju fil-knisja ta’ Ġieżu u fl-Oratorju ta’ San Ġużepp biex jieħdu l-fided u l-oġġetti prezzjużi u għeżiż u jbiegħuhom bl-irkant. Il-Fratelli u l-poplu Rabti meta ra x’kien se jiġri minn dawk l-oġġetti prezzjużi u għeżiż li kienu kkontribwew għalihom huma fixklu kemm felħu lin-nies tal-Gvern tant li dawn ma setgħux jagħmlu xogħolhom sewwa u kellhom jaħarbu minn bieb ċkejken. Kif telqu r-Rabtin bdew iġorru t-teżori lejn id-dar tan-Nutar Emmanuele Vitale li dak iż-żmien kien Rettur tal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp. Dak inhar beda l-Imblokk tal-Franċiżi wara s-swar tal-ibliet u l-Maltin imexxu l-Kampanja, fejn in-Nutar Vitale kien wieħed mill-Ġenerali tal-Maltin.

Fl-1804 beda jitkabbar l-Oratorju ta’ San Ġużepp wara li l-Patrijiet Franġiskani ikkonċedew biċċa oħra mil-ġnien tal-Kunvent biex isir dan it-tkabbir. Il-Benefattur ewlieni ta’ dan it-tkabbir kien in-Nutar Ġiuseppe M. Azzopardi fratell tal-istess Fratellanza. Dan it-tkabbir ħa sal-1840 fejn fih kien tħaffru n-niċċeċ biex jiġu konservati l-istatwi proċessjonali tal-Ġimgħa l-Kbira, u l-istatwa proċessjonali ta’ San Ġużepp. Fl-1842 l-Oratorju ġie mbierek flimkien mal-artal mir-Rev. Gwardjan Luigi Daniele Debono O.F.M.

Fil-Festa ta’ San Ġużepp tal-1846 sar għal ewwel darba t-Tridu mqaddes bi preparazzjoni għal istess Festa. Dan sar fil-15, 16 u 17 ta’ Marzu tal-istess sena, filgħodu kienet tiġi ċċelebrata quddiesa għar-ruħ il-Benefatturi tal-Arċikonfraternita’ u filgħaxija kien isir Għasar u prietka, tingħad il-Kurunella ta’ San Ġużepp, issir kant tal-Innu u tingħat l-Barka Sagramentali. Dan il-Format inżamm sa l-Konċilju Vatikan II fejn minħabba t-tibdil fil-Liturġija issa beda jsir kollox filgħaxija kif għadu jsir sal-lum.

Fl-1874 il-pittur Ruman Pietro Gagliardi pitter il-kwadru titulari preżenti tal-Kappella ta’ San Ġużepp fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ li jirrapreżenta l-Patroċinju ta’ San Ġużepp fuq il-Knisja Universali hekk kif kien proklamat fit-8 ta’ Diċembru 1870 mill-Papa Piju IX. Dan il-kwadru kien rigal tal-Benefattur tal-istess Arċikonfraternita’ Mons. Paolo Pullicino.

Fl-1890 ġiet akkwistata l-istatwa proċessjonali preżenti ta’ San Ġużepp din ġiet iddisinjata mir-Ruman Luiġi Fontana u nħadmet fil-fabbrika Gallard et Fils ta’ Marsilja. Din ukoll kienet għotja ta’ Mons. Paolo Pullicino.

Fil-Festa ta’ San Ġużepp 1905 iżanżnu żewġ opri kbar fil-Knisja. Dawn kienu l-ventartal tal-fidda għal artal maġġur u l-bankun u l-bradella għal istatwa ta’ San Ġużepp. Il-ventartal sar fuq id-disinn tal-magħruf skultur, disinjatur u pittur Bormliż Abraham Gatt u fuq il-mudelli skolpiti fl-injam li għamel l-iskultur u disinjatur Ġużeppin Rabti s-Surmast Carmelo Tonna. Dawn intbgħatu għand id-Ditta "Antonio Ghezzi" ta’ Milan. Dan huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħolijiet ta’ Gatt u kien l-ewwel ventartal tal-fidda li qatt iżanżan fil-Knejjes tar-Rabat. It-tieni opra, l-Bradella u l-Bankun saru fuq id-disinn ta’ Francesco Saverio Sciortino. Ix-xogħol fl-injam inħadem minn Francesco Tonna u l-iskultura saret minn Agostino Muscat it-tnejn Ġużeppini Rabtin.

F’Ottubru tal-1920 tlesta x-xogħol fuq in-niċċa tal-Oratorju li fiha tpoġġiet l-istatwa devota, antika u mirakoluża ta’ San Ġużepp ix-Xiħ. Statwa antika tas-seklu 16, li oriġinalment kienet bħala waħda mill-istatwi dekorattivi tal-Gran Carraca tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann meta dawn ġew Malta fl-1530. Aktar tard din ġiet mogħtija lil din l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp. Fejn matul iż-żmien saret mezz ta’ devozzjoni kbira fost il-poplu Malti lejn San Ġużepp.

Fil-Festa tal-1934 iżżanżan il-lampier tal-fidda għal artal maġġur li sar fuq id-Disinn tal-iskultur Anġlu Muscat u nħadem mid-Ditta Ghezzi ta’ Milan.

Fil-Festa ta’ San Ġużepp 1938 indaqq għal ewwel darba l-Innu Immortali ta’ Surmast Carlo Diacono u versi tal-Karmelitan Patri Anastasio Cushieri O.Carm. "Lill-Ġużeppi ejjew faħħru".
Ix-xewqa li l-istatwa antika u mirakoluża ta’ San Ġużepp ix-Xiħ tiġi Inkurunata sollenament b’Digriet Papali kienet ilha tberren f’moħħ il-Fratelli. Sa mill-1949 bdew jintbagħtu r-Rikorsi Ruma biex jinkiseb dan il-Privileġġ. Sfortunatament għal ħafna drabi r-risposta kienet fin-negattiv.

Wasal l-1 ta’ Mejju 1956, mad-Dinja Kattolika Kollha kien iċċelebrat għal ewwel darba l-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. F’Malta l-Arċidjoċesi għażlet proprju l-istatwa antika u mirakoluża ta’ San Ġużepp ix-Xiħ li din tniżlet b’manifestazzjoni popolari għal Furjana. Nhar l-1 ta’ Mejju 1956 folla enormi ta’ 40,000 ruħ ħonqot kull parti tal-Fosos tal-Furjana biex tilqa’ u tagħti ġieħ lil San Ġużepp Ħaddiem u tieħu sehem f’din il-manifestazzjoni ta’ fidi. Ftit jiem wara din iċ-ċelebrazzjoni reġa’ ntbgħat rikors Ruma ffirmat mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi f’isem il-Poplu Malti kollu. Dan intlaqa’ mill-Kongregazzjoni tar-Riti u nhar is-27 ta’ Lulju 1956 il-Q.T. il-Papa Piju XII minn Castel Gandolfo ħareġ personalment minn idejh il-Brevi Appostoliku. Dan wasal Malta fit-3 ta’ Settembru u nqara fil-Pubbliku nhar is-7 ta’ Ottubru 1956. Mill-ewwel bdew il-preparamenti għall--Inkurunazzjoni tant mixtieqa. Inġabar ħafna deheb mid-devoti biex saru ż-żewġ kuruni li bihom kelhom jiġu nkurunati x-xbieha ta’ Ġesu’ Bambin u ta’ San Ġużepp. Id-deheb ġie mdewweb mid-Ditta “Busutill Jewellery tar-Rabat fil-Każin tal-Banda L’Isle Adam. Dawn il-kuruni saru fuq id-disinn tas-Surmast Carmelo Tonna u ġew maħduma mill-arġentier Ġużeppi Pirotta minn Naxxar. Id-data fissata kellha tkun l-1 ta’ Mejju 1958 iżda minħabba nuqqas ta’ ftehim l-Inkurunazzjoni ġiet sospiża u saret fl-1 ta’ Mejju 1963. Kien Jum ta’ ferħ kbir mhux għar-Rabtin biss iżda għal Malta kollha. Dak inhar inqatet ix-xewqa tal-antenati tagħna li tant ħabbew lil San Ġużepp u dejjem ħabirku bla heda biex ixerdu d-devozzjoni lejħ fost il-Maltin. Dak inhar saru festi kbar li bdew fis-27 t’ April 1963 u spiċċaw fit-12 ta’ Mejju 1963. F’dawn il-festi ħa sehem kulħadd għadd kbir ta’ Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, Fratellanzi ta’ San Ġużepp li jinsabu mwaqqfa fil-gżejjer tagħna, Għaqdiet Reliġjużi, diversi Baned Mużikali u l-poplu nġenerali.

F’Marzu 1971 l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp iċċelebrat l-Ewwel Ċentinarju minn meta l-Papa Piju IX proklama lil San Ġużepp bħala Patrun u Protettur tal-Knisja Universali. Fejn fir-Rabat kienu saru wkoll festi kbar kif kien jixraq biex tiġi mfakkra din il-Proklamazzjoni.

Meta kien Rettur tal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp il-Wisq Nobbli Kavallier Alexander dei Marchesi Apap Bologna, fl-1974 għadda n-Niċċa Storika ta’ San Pawl fuq is-Saqqajja li kienet tappartjeni lill-familja tiegħu lill-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp. Sal-lum din in-niċċa, Monument Nazzjonali tad-Devozzjoni Pawlina f’Malta, għada f’idejn din l-eqdem Fratellanza Maltija.

Prova oħra ta’ kemm din l-Arċikonfraternita hija qadima u rispetata kien is-VII Simposju Internazzjonali dwar San Ġużepp li ġie organniżat mill-istess Arċikonfraternita’ fil-gżejjer Maltin fl-1997. Kienet sena memorabli ta’ ċelebrazzjonijiet speċjali li bdew f’Jannar u spiċċaw f’Settembru, ħadu sehem l-Għaqdiet Reliġjużi u Soċjali Ġużeppini kollha li għadna fil-gżejjer tagħna. Ġew Malta għadd kbir ta’ studjużi dwar San Ġużepp mid-dinja kollha. Fejn għal din l-okkażjoni l-istatwa ta’ San Ġużepp Inkurunat daret ħafna Knejjes f’Malta fosthom il-Katidral tal-Imdina u l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Kif ukoll għal ewwel darba ġiet meħudha fil-gżira Għawdxija proprju fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġużepp fil-Qala fejn saritilha manifestazzjoni u ċelebrazzjoni kbira.

Din l-Arċikonfraternita għadha ħajja u attiva b’diversi mpenji reliġjużi u soċjali sal-ġurnata tal-lum, fejn fost l-għanijiet tagħha nsibu li xerred dejjem iżjed id-devozzjoni lejn il-Glorjuz Patrijarka San Ġużepp Patrun tagħha u tal-Knisja Universali, li torganiżża l-Festa tiegħu ta’ kull sena fid-19 ta’ Marzu u l-Festi tal-Ġimgħa Mqaddsa kif ukoll takkumpanja lill-Kapitlu Metropolitan fil-purċissjonijiet fil-Festi tradizzjonali ta’ San Girgor, Corpus Christi u tal-Imnarja.

 
     
  ara ritratti
  ara ritratti
 
 
Untitled Document

RF Designs - http://designs.robertoformosa.com