Storja
Untitled Document
  Attivitajiet
   
 
  Facebook

Storja
Storja

L-istoriċi u l-istudjużi kollha jaqblu li l-eqdem Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-gżejjer Maltin hi dik organizzata mill-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina. Din il-Purċissjoni ta’ kull sena toħrog mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu' tal-Patrijiet Franġiskani Minuri. Hawn ta’ min wieħed jistaqsi u jgħid għaliex minn tant purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta u Għawdex dik tar-Rabat tal-Imdina hi l-eqdem? X’hemm u x’ġiegħel lil missirijietna sabiex waslu għal dan il-fatt storiku? Il-fatti ta l-istorja ta’ pajjiżna jagħtuna tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet u jġegħluna nsibu l-oriġini ta’ kif u għaliex bdiet issir din il-purċissjoni fir-Rabat tal-Imdina.
 
Kif bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fir-Rabat tal-Imdina?
 
Ir-Rabat flimkien mal-belt ta’ l-Imdina minn dejjem kienu ċ-ċentru ewlieni ta’ pajjiżna, l-aktar sa qabel il-wasla tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530 u għażlu li jmorru joqgħodu l-Birgu. Sa minn żmien il-Kartaġiniżi l-belt tal-Imdina kienet meqjusa bħala l-Belt Kapitali u ċentru urban ta’ Malta, u iżjed tard ir-Rabat li kien imiss magħha (subborg) kien il-post ewlieni ta’ l-attivita' reliġjuża, politika u soċjali tal-poplu f’dawk iż-żminijiet. Huwa proprju hawnhekk li għandna niltaqgħu mal-oriġini tad-devozzjoni ta’ missirijietna lejn il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu' Kristu. Dan il-kult Kristjan beda jinħass mal-miġja f’Malta tal-patrijiet Biżantini. Dawn bnew fejn illum huwa magħruf bħala l-Abatija tad-Dejr, fi Triq Bir ir-Riebu, fejn bdew jiċċelebraw il-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa. Lejn tmiem is-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13 kien inbena l-Katidral ta’ Malta fl-Imdina. Il-Maltin bdew imbagħad jinġabru f’din il-knisja prinċipali ta’ Malta għal dawn il-funzjonijiet.
 
Xhieda ta’ kemm il-poplu kien devot lejn il-Passjoni ta’ Sidna Ġesu' Kristu huwa l-affresk ta’ kurċifiss stil gotiku li nsibu f’arzella ċkejkna fil-knisja tal-Abatija magħquda mal-katakombi f’Tad-Dejr. Xhieda oħra ta’ din id-devozzjoni huma n-numru ta’ lapidi votivi li fuqhom hemm minqux x-xbiha tal-kurċifiss. Dawn kienu nstabu meta ġiet imwaqqfa l-Knisja ta’ Sant'Agata fil-bidu tas-seklu 16.
 
L-akbar spinta li ħadet id-devozzjoni f’pajjiżna lejn il-Ġimgħa Mqaddsa hija bil-miġja fostna ta’ l-Ordnijiet Reliġjużi fis-seklu 14. Dawn l-ordnijiet bnew l-ewwel kunventi tagħhom fir-Rabat tal-Imdina fejn kienu u għadhom jagħmlu s-servizzi reliġjużi tagħhom.
 
Bla dubju ta’ xejn l-aktar ordni reliġjuża li xerred il-qima f’Malta lejn il-Passjoni ta’ Sidna Ġesu' Kristu huwa dak tal-Patrijiet Franġiskani Minuri. 
 
Din l-ordni sa mill-1335 kienu diġa' jieħdu ħsieb is-Santwarji tal-Art Imqaddsa. Insibu li meta dawn ġew Malta fis-sena 1494, fi ftit tas-snin bnew Knisja bil-Kunvent tagħhom fl-1500 u ġiet imsejħa Santa Marija ta’ Ġesu'. F’din il-knisja nsibu l-eqdem xbieha tad-Duluri li nafu biha, s’issa. Id-devozzjoni ta’ dawn il-Patrijiet kienet anke' riflessa fit-titular ta’ din il-knisja li oriġinaljament kien poltiku fejn konna nsibu li waħda mix-xbiehat kienet dik tad-depożizzjoni ta' Kristu Msallab umqiegħed fi ħdan Ommu Marija li għadha teżisti u tinsab imdendla fil-Knisja.
F’din l-istess Knisja nsibu mwaqqfa l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp, li kient ilha fir-Rabat tal-Imdina sa minn qabel is-seklu 15. Il-membri ta’ din il-Fratellanza minn dejjem kellhom devozzjoni lejn il-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu. Insibu li fl-1668 kienet tkun organizzata d-devozzjoni ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, matul ix-xahar ta’ Marzu fir-Randan. F’wieħed mir-reġistri ta’ din il-Fratellenza nsibu miktub u spjegat kif kienu jsiru dawn id-devozzjonijiet mill-fratelli: Fl-ewwel Ġimgħa tar-Randan kienu joħorġu l-vara ta’ Kristu fil-Ġnien tal-Ġetsemani magħruf bħala l-Ort, imbagħad kienet issir priedka fuq il-Misteru. Wara l-fratelli kienu jagħmlu d-dixxiplina li kienet tikkonsisti billi n-nisa u t-tfal kienu joħorġu 'l barra mill-Oratorju tal-Fratellanza u l-fratelli (irġiel) kienu jsawtu lilhom infushom bil-kurdun li jġibu fuq il-libsa tagħhom (konfratija) filwaqt li kienu jkantaw is-salm "Miserere" u jgħidu talb ieħor. Dan kien bħala att ta’ penitenza u kien ripetut matul il-Ġimgħat tar-Randan.
 
Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kif nafuha llum x’aktarx li oriġinat minn esebizzjoni ta’ simboli u persunaġġi forma ta’ drama li kienet issir fuq il-Passjoni. Il-Purċissjoni tar-Rabat tal-Imdina hi antikissima u dan jidher mid-daqq melankoniku tas-suffara u t-tambur.fl-istess purċissjoni. Din id-drawwa ġejja mill-bandinaturi tal-imgħoddi. Wara li ġew il-Kavallieri f’Malta ddaħlet l-użanza li fil-purċissjoni xi nies jerfgħu salib kbirxfuq spallejhom b’wiċċhom mgħotti u bil-ktajjen ma' saqajhom. Dawn ġeneralment kienu jkunu l-irsiera li f’dawk iż-żminijiet kien ikun hawn ħafna minnhom.
Fl-imgħoddi din il-purċissjoni kienet toħroġ fit-tmienja ta’ filgħaxija u kienet tieħu aktar fit-tul mil-lum tant li biex tidħol kien joqrob sew nofs il-lejl. Huwa magħruf li fil-purċissjoni kien joħorġu ħafna gandilabri u torċi jaqbdu bil-ħatab li dawn kienu jdawlu t-triq. Kien ikun hemm ħafna ħatab taż-żebbuġ merfugħ f’diversi knejjes li minn quddiemhom tgħaddi l-purċissjoni bħal Santu Wistin u San Franġisk.
 
Missirijietna jiftakru wkoll li l-purċissjoni kienet tidħol ġewwa l-Imdina. Jiftakru s-salib tal-Vara l-Kbira kellu ċappetti peress li kien irid jintlewa lura, biex b’hekk tkun tista tgħaddi mill-Bieb ta’ l-Imdina.
Fl-1879 il-Purċissjoni bdiet tidħol lura l-knisja fit-tmienja ta’ filgħaxija. Hawnhekk insibu li kien ħareġ ordni l-Isqof ta’ Malta, Mons. Carmelo Scicluna biex jinqatgħu xi abbużi.
 
L-Arċikonfraternita' ta' San Ġużepp dejjem ħadet interess kbir u kabbret din il-purċissjoni. Fl-1883 twaqqfet l-Għaqda tal-Ġimgħa l-Kbira bl-ewwel Prokuratur is-Sur Felice Taliana. Prokuratur li baqa' msemmi kien il-Baruni Giuseppe Depiro Gourgion li kien ukoll Rettur ta’ l-istess Fratellanza. Kien fi żmien dan il-Prokuratur li l-Purċissjoni żviluppat aktar u ntroduċa ħafna ħwejjeġ ġodda. Huwa kien isiefer ta’ sikwit f’postijiet fejn il-Purċissjoni kienet issir b’solennita' kbira bħal fi Spanja u Sqallija. Insibu li minn dak iż-żmien bdew jiddaħlu persunaġġi li jissemmew fl-Iskrittura bħal Nikodemu u Ġużeppi d'Arimateja. Dawn l-affarijiet kienu ġodda għal Malta. L-idea tat-Tronku għal Purċissjoni kienet ġejja mill-istess Depiro Gourgion. Dan jikkonsisti f'salib kbirfmagħmul mill-injam u l-kartapesta li jintrefa minn bniedem wieħed u ieħor jakkumpanjah. Dan is-salib għadu jinħareġ sa llum fejn ukoll jakkumpanjawh insibu żewġ fanali sbieħ xogħol fl-injam bil-ħġieġ still barokk. Fanali li fil-purċissjoni llum m’għadniex naraw huma slaleb kbar tal-ħġieġ. Dawn kienu speċi ta’ seba' blokki kwadri tal-ħġieġ b’xemgħa tixgħel f’kull waħda, b’linji li jiffurmaw salib kbir tal-ħġieġ minn kull fejn tħares lejh.
Fil-Purċissjoni nsibu wkoll Bandalora ħamra li tiftaħ il-purċissjoni, bil-kliem "Il-Passjoni ta' Sidna Ġesu' Kristu". Insibu Bandalora oħra sabiħa bil-kliem "S.P.Q.R.", simbolu ta’ l-imperu ruman b’ajkla kbira fuqha. Tinħareġ ukoll ix-Xemxxu pilandri bi ħġieġ ikkulurit.
Il-bandalori li nsibu f’din il-Purċissjoni huma dawk tradizzjonali tas-sett tas-Seba' Kelmietsli minnhom insibu tminja u oħra li tfakkar is-Sentenza ta' Pilatu. Dawn huma magħmula minn ħarir fin vjola filwaqt li l-ittri u l-emblemi huma rrakmati minn ħarir fin safrani, filwaqt li l-emblemi huma kkuluriti.
F’din il-purċissjoni kienu u għadhom jieħdu sehem bosta tfal libsin żimarritu jġorru magħhom simboli tal-passjoni. Jieħdu sehem ukoll bosta ġuvintur u irġiel oħra li jilbsu bħala suldati u persunaġġi Bibliċċisb’ilbies rikk u fin ħafna.
F’din l-Purċissjoni tieħu sehem ukoll il-Banda Dekana u Ċittadina L'Isle Adam, li hi l-unika Banda li dejjem ħadet sehem f’din l-Eqdem Purċissjoni tal-Ġimgħa il-Kbira f’Malta. Din il-Banda timmarċja quddiem il-Vara l-Kbira billi ddoqq marċi funebri u bdiet tieħu sehem ftit wara l-1860. Fost il-marċi funebri li ddoqq il-Banda nsibu żewġ notturni sbieħ li huma ‘Popule Meus’ tas-surmast Lorenzo Gatt li kien surmast ta’ l-istess Banda bejn l-1885 u l-1890 u l-‘Eri Mancipio’ ta’ ex-surmast ta’ l-istess Banda, Carmelo Camilleri, li kien surmast bejn l-1891 u l-1893.
F’din il-Purċissjoni wkoll jieħdu sehem il-Grupp ta’ l-iScouts u l-Girl Guides tar-Rabat li jimmarċjaw fil-bidu nett tal-purċissjoni. Mal-vara tal-Monument jakkumpanjaw erba’ fratelli ta' San Ġużeppfjerfgħu l-Faldrappa tal-bellus. Qabilhom insibu l-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Minuri u sa snin sittin konna nsibu 4 Kappillani tal-Kor ta’ Katidral li flimkien mal-Qassisin u l-Abbatini b’fergħa taċ-ċipress fuq spallejhom kienu jakkumpanjaw il-Monument filwaqt li jkantaw is-Salm Miserere. Dari dan il-Monument kien jidaħħal ukoll fil-Knejjes ta’ San Mark u San Franġisk fejn kienu jitkantaw xi antifoni u l-Miserere.
l-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tar-Rabat tal-Imdina tkun imżejna b’għaxar vari mill-isbaħ, li u
wħud minnhom huma fost l-eqdem f’dawn il-gżejjer, fosthom dik ta’ Kristu marbut mal-kolonna u l-korp ta’ Kristu mejjet tal-monument. Huma bosta l-artisti li ħadmu dawn l-istatwi, fosthom insemmu lil magħruf Karlu Darmanin li ħadem il-vara ta’ Marija Addolorataiu l-Veronika; Antonio Mifsud ħadem l-Ort u l-Ecce Homo l-antik u Alfred Camilleri Cauchi ħadem il-vara tat-tradiment, l-Ecco Homo l-ġdid u l-Għaxar Stazzjon. Xogħol imprezzabli huwa l-monument (ġewwa). Din is-sodda nduratha bid-deheb hi meqjusa bħala fost l-isbaħ xogħlijiet li nsibu f’Malta. Dan kien ġie rinovat tliet darbiet. Is-sodda oriġinali ma tinħariġx iżda hija konservata fin-niċċa ġewwa s-Santwarju ta’ San Ġużepp Inkurunat. Dak li naraw illum inħadem fl-1953 mill-Imgħallem Ġużeppi Muscat u l-iskultura saret mis-Surmast Carmelo Tonna, t-tnejn Rabtin, u l-induratura saret minn Ġużeppi Farrugia ta’ l-Imdina. Dawn it-tlieta kienu membri fil-Fratellanza ta’ San Ġużepp. Dan il-monument ikun imżejjen b’44 globu tal-ħġieġ li jinxtegħlu bix-xema’ matul il-purċissjoni.
B’kollox fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fir-Rabat tal-Imdina jieħdu sehem 500 persuna. Hija purċissjoni msemmija għal mod devot kif tkun organizzata u anke’ għas-serjeta' li tinżamm. Dan grazzi għal prokuratur u l-organizzaturi li ta’ kull sena jieħdu ħsieb u jaraw li dan il-wirt hekk nobbli jibqa’ jinżamm u jiġġedded biex din id-Devozzjoni tibqa’ ħajja u sħiħa kif inhu xieraq lill-Misteru hekk Kbir.

 
     
  ara ritratti
  ara ritratti
 
 
Untitled Document

RF Designs - http://designs.robertoformosa.com