Storja
Untitled Document
  Attivitajiet
   
 
  Facebook

Storja
Storja

Dan is-Santwarju ta’ San Ġużepp huwa s-sede uffiċjali tal-Arċikonfraternita li ġġib l-isem ta’ l-istess Qaddis.  L-oriġini tiegħu hija l-istess kappella ta’ San Ġużepp li nsibu fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tal-Patrijiet Franġiskani.  Dan peress li l-Fratelli riedu post ikbar fejn jiltgħqu u jagħmlu is-servizzi liturġiċi tagħhom.  Kien ghalhekk li nhar is-26 ta’ Lulju 1665, quddiem in-Nutar Nicolò Allegritto, il-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, bil-permess tal-Patri Viżitatur Ġenerali ta’ l-istess Ordni Antonio Carasello ta’ Calabria, tat biċċa art tan-naħa tal-Kor tal-knisja, li kienet tmiss mat-triq, lill-Fratelli ta’ l-imsemmiija Arċikonfraternita biex dawn jibnu l-Oratorju tagħhom billi jiġi mniffed mal-kappella li għandhom l-istess Fratelli ddedikata lil San Ġużepp fil-knisja mmsemija.

Kienu ħafna l-benefatturi li taw il-flus għal bini ta’ dan l-Oratorju, fosthom in-Nobbli Cosmana Navarra li kienet tat 500 skud, il-Kavallier Flavio Testaferrata u l-Kanonku Kapitulari Dun Antonio Testaferrata.

Jingħad li waqt li kienu qegħdin iħaffru għas-sisien ta’ dan l-Oratorju, il-ħaddiema sabu lapida tal-ġebel b’kitba Giega li tgħid li taħtha kien jistrieħ Domesticus nisrani u tabib li dam jgħix 73 sena u miet f’dak il-lok jum qabel il-Kalendi ta’ Frar fis-sena 810.  Dan juwri biċ-ċar li antikament dik l-art kienet tintuwża bħala ċimiterju.

Ix-xogħol fil-bini ta’ dan l-Oratorju ma tantx beda jimxi l-quddiem, minħabba n-nuqqas ta’ mezzi.  Fil-fatt l-Oratorju nfetaħ għall-qima tal-poplu u tbierek solennament fil-15 ta’ Marzu 1685, minn Patri Gwardjan Cirillo ta’ Malta.

Lejn l-aħħar tas-seklu 18, beda jinħass il-bżonn li dan l-Oratorju jiġi mkabbar.  Oriġinalment il-bini tiegħu kien sa fejn il-lum hemm il-pulptu u l-kattedra ta’ l-Uffiċjali ta’ l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.  Għalhekk peress li dan kien żgħir, il-Fratelli xtaqu li jiġi mkabbar, fejn fiħ kellhom jiġu konservati l-istatwi tal-Passjoni u tgħmir ieħor ta’ l-Arċikonfraternita.

Għalhekk reġa’ kien hemm il-bżonn li titieħed biċċa art oħra mill-ġnien tal-Kunvent tal-Patrijiet. Kien ir-Rettur ta’ l-istess Arċikonfraternita ta’ dak iż-żmien, in-Nutar Emmanuele Vitale li f’isem l-imsemmija Arċikonfraternita, ipprezenta lill-Provinċjal tal-Patrijiet Minuri Fra Marcellino di Vizzini O.F.M., “Memoriale” fejn fiħ talab li jsir bdil bejn l-istess Arċikonfraternita u l-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani.   Billi l-Arċikonfraternita tibni bil-ġebel l-antiporta u l-gallarija ta’ l-orgni tal-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù ta’ l-istess Patrijiet, li kienet baqgħet ma tlestiex mill-bini tagħha minħabba nuqqas ta’ fondi minn naħa tal-Patrijiet.  Filwaqt li l-Patrijiet imsemmija jagħtu spazju biżżejjed mill-parti tal-ġnien tal-Kunvent tagħhom li jmiss wara l-Oratorju lill-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp, biex il-Fratelli jkunu jisgħtu jkabbru dan l-Oratorju tagħhom.

Kien nhar is-6 ta’ Mejju 1794 meta l-Ministru Provinċjal Fra Marcellino di Vizzini O.F.M., permezz ta’ digriet waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, fejn il-Patrijiet ikkonċedew l-art imsemmija biex jitkabbar l-Oratorju, wara li l-Arċikonfraternita tibni l-imsemmija antiporta bil-gallarija tal-orgni, kif fil-fatt sar.
Iżda biex kellu jitkabbar dan l-Oratorju kellhom jgħaddu għaxar snin, minħabba l-kwistjonijiet politiċi li kien hawn fil-pajjiz f’dawk iż-żminjijiet, fil-fatt dan twettaq nhar is-16 ta’ Marzu 1804.  Fejn fl-istess sena saret l-għotja mill-Patrijiet lill-Fratelli ta’ l-art mill-ġnien tal-Kunvent, biex jitkabbar dan l-Oratorju.

Kien in-Nutar Giuseppe M. Azzopardi, Fratell fi ħdan l-imsemmija Arċikonfraternita, li kien il-Benefattur ewwlieni biex minn flusu segħta jsir ix-xogħol biex tkabbar dan l-Oratorju.  Fil-fatt kif kien maħsub fil-parti fejn ġie mkabbar tħaffru n-niċċeċ fil-ħitan biex fihom ġew ikkonservati l-istatwi proċessjonali tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, kif għadna naraw sal-lum kif ukoll tħaffret in-niċċa biex ġo fiha tiġi konservata l-istatwa proċessjonali ta’ San Ġużepp.  Dan ix-xogħol tat-tkabbir ta’ dan l-Oratorju ħa 36 sena u tlesta fl-1840.  Sentejn wara fl-1842 ġie mbierek flimkien ma’ l-artal li għadna naraw fiħsal-lum, mir-Rev. Gwardjan Patri Luigi Daniele Debono O.F.M.

Fuq l-artal ta’ dan l-Oratorju bħala kwadru titulari fl-1896 kien tqgħied kwadru kbir ta’ San Ġużepp xogħol tal-pittur Edward Caruana Dingli, li kien ġie mogħti minn Nobbli s-Sur Giuseppe Depiro Testaferrata.  Dan il-kwardu illum jinsab fl-istess Oratorju fuq il-gallarija tal-orgni.  Qabel dan il-kwardu kien hemm dak li jirraprezenta n-Natività li jinsab fil-kappella ta’ San Ġużepp.

Is-saqaf ta’ dan l-Oratorju kien ġie dekorat fuq stil rokkoko fis-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor mid-dekoratur Mikiel Fsadni, li kien membru fi ħdan l-imsemmija Arċikonfraternita.  Fejn fiħ naraw mpittra xeni mill-ħajja ta’ San Ġużepp kif ukoll diversi Papiet relatati mal-kult lejn dan il-Qaddis.

Fil-paviment ta’ dan l-Oratorju naraw sitt lapidi tal-irħam li jfakkru f’diversi benefatturi li kellha l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.  Fosthom dik li naraw fin-nofs forma elissa li hija unika fil-gżejjer Maltin fl-għamla u fil-kobor tagħha.  Din tfakkar lin-Nutar Gużeppi Maria Azzopardi, il-Benefattur li kontribwixxa finanzjarjament biex dan l-Oratorju tkabbar kif inhu llum.

 
     
  ara ritratti
  ara ritratti
 
 
Untitled Document

RF Designs - http://designs.robertoformosa.com