Untitled Document
Untitled Document
  Attivitajiet
   
 
  Facebook

Wirja:- Frott l-Għaqda u l-Ħidma

Iċċelebrata l-ħidma volontarja b’risq il-Festa

Matul is-sena issir ħidma kbira u kontinwa b’ risq il-festi tradizzjonali Maltin. Għadd kbir ta’ persuni li jwettqu l-ħidma tagħhom fil-kwiet u l’bogħod mill-għajn tal-pubbliku. Kieku ma tkunx din il-ħidma volontarja kieku ma jkunux jistgħu jiġu ċċelebrati b’tant suċċess il-festi tradizzjonali Maltin ad unur il-qaddisin patruni tagħna.

Il-Komunità Ġużeppina tar-Rabat tal-Imdina hija fost dawk li jwettqu dawn il-ħidmiet. Il-ħidma volontarja tibqa għaddejja s-sena kollha minn grupp imdaqqas ta’ nies. Sfortunatament, dan ix-xogħol mhux dejjem hu apprezzat u magħruf biżejjed.

Għalhekk għat-tieni sena konsekuttiva ser tittella’ wirja 'Frott l-Għaqda u l-Ħidma' għall-pubbliku biex ikun jista jiġi apprezzat aħjar ix-xogħol kollu li sar matul sena sħiħa.

Din il-wirja ser tinżamm bejn l-Erbgħa 3 u l-Ħadd 7 ta’ Frar 2016 fil-kjostru storiku tal-Kunvent tal-Patrijiet Ta’ Ġieżu fi Triq San Pawl, ir-Rabat. Fiha ser ikun hemm esebit ix-xogħol kollu li sar b’ risq il-festa ta’ San Ġużepp, kemm ta’ dak li jintrama fil-knisja kif ukoll tal-armar li jintrama fit-toroq tar-Rabat. Se jkun esebit ukoll ix-xogħol li sar b’ risq l-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta, li hija ukoll imfakkra mill-istess komunità.

Ix-xogħol kollu esebit sar mill-membri tal-Komunità Ġużeppina, li minbarra li huwa kollu xogħol volontarju, bis-saħħa ta’ hekk qed jinżammu bosta snajja Maltin ħajjin bħal dik tal-landier, l-induratur u x-xogħol tal-injam. B’dan il-mod qed jiġi preservat u konservat patrimonju kbir li ilu jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra għal mijiet ta’ snin, biex ikun nistgħu ngħadduh lil ta’ warajna aħjar milli sibnih aħna.

Wieħed jista' jara u jammira sett ta' fotografija mis-Sur Mark Micallef Perconte dwar il-festi tal-50 sena mill-Inkurunazzjoni tal-Vara Mirakoluża ta' San Ġużepp

L-inawgurazzjoni tal-wirja ser issir nhar l-Erbgħa 3 ta’ Frar fi tmiem il-quddies tal-ewwel Erbgħa f’ġieħ San Ġużepp mir-Rettur tal-Arċikonfratenria’ is-Sur Anthony Casha.

Id-dħul għall-wirja huwa bla ħlas u l-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-Ħamis sas-Sibt mill-5:00pm sas-7:30pm u l-Ħadd mis-7:30am sal-11:30am.

 
     
  ara ritratti
  ara vidjos
 
 
Untitled Document

RF Designs - http://designs.robertoformosa.com