Untitled Document
Untitled Document
  Attivitajiet
   
 
  Facebook

Restawr tal-Kappella ta' San Ġużepp

RESTAWR U KONSERVAZZJONI TAL-PROSPETTIVA TAL-KAPPELLA TA’ SAN ĠUŻEPP

Il-kappella ta’ San Ġużepp hija propjetà tal-Arċkonfraternità ta’ San Ġużepp u għalhekk l-imsemmija Arċikonfraternità hija responsabbli ta’ din il-kappella kif ukoll tar-restawr u konservazzjoni li jsir fiha fosthom ta’ din il-prospettiva. Din il-prospettiva saret fuq id-disinn tal-magħruf arkitett Malti Lorenzo Gafà bejn l-1669 u l-1693. Kif jixdhu dawn ir-ritratti mal-medda taż-żmien ġew ikkawżati diversi ħasrat fosthom partijiet mill-ġebla tfarfret u ġie akkumulat trab u nugrufun.

Matul il-ġimgħat li ġejjin se jingħata bidu għal dan il-proġett ambiżjuż tar-restawr u konservazzjoni, li huwa maqsum fit-tlett fażijiet:

• Restawr u konservazzjoni tad-dekorazzjoni u tal-induratura. Xogħol li se jsir mill-artist Rabti u Fratell fi ħdan l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, is-Sur Arthur Vassallo u ser jiġi sponsorjat minn Fratell ieħor fi ħdan l-istess Arċikonfraternià, il-Kav. Joseph M. Vassallo.

• Restawr u konservazzjoni tal-pittura li hemm taħt il-koppla. Xogħol li se jsir gratis mill-artist Rabti u Fratell fi ħdan l-imsemmija Arċikonfraternità, is-Sur Joseph Sultana.

• Restawr u konservazzjoni taz-zokklu tal-irħam ta’ din il-prospettiva. Xogħol li se jsir mill-marmista Abraham Bellia u ser jiġi sponsorjat ukoll mill-Kav. Joseph M. Vassallo. Huwa pjanat li dan ix-xogħol taz-zokklu jibda wara il-festa tal-2016.

Minn barra dan ix-xogħol qed isir xogħol ieħor min diversi fratelli f’din il-kappella, fosthom xogħol fuq iż-żewġ niċċeċ li jinsabu f’din il-kappella, fejn se ssir għalihom sistema ġdida tad-dawl u se jiġu miksija mill-ġdid bid-damask kif oriġinalment kienu. Xogħol ieħor li qiegħed isir huwa fuq in-niċċa fejn fiha hemm parti mir-relikwa tal-Bastun ta’ San Ġużepp li saret fis-sena 1715. Fejn inħadmet mill-ġdid il-kaxxa ta’ din in-niċċa u se tinkesa ukoll bid-damask. Qegħda tiġi indurata bid-deheb mill-ġdid il-grada tal-ħadid ta’ din in-niċċa, u se jerġa’ jitwaħħal il-brazz quddiem din in-niċċa biex jiġi mixgħul biż-żejt kif oriġinalment kien isir.

 
     
  ara ritratti
  ara vidjos
 
 
Untitled Document

RF Designs - http://designs.robertoformosa.com